Tħajjart immur l-iskola għal ċerti laqgħat biex nitgħallem kif għandi ngħin lit-tifla tiegħi kif għandha tiżviluppa l-kitba. Fl-ewwel laqgħa, Mario, għax hekk kien jismu l-għalliem, qralna storja li lili ġabitli ħafna memorji sbieħ u nostalġija ta' meta kont ċkejkna, allura ġiegħelna niktbu xi ħaġa aħna biex niffurmaw storja.
Jien kont tifla waħdi ma' erba' subien ħuti, kollha ikbar minni. Tistgħu timmaġinaw kemm kont fessuda għall-papà, wara ħames subien, għax wieħed mejjet. U min-naħa tiegħi, jiena kont iżjed nitfissed miegħu.
Niftakar sewwa qisu l-bieraħ fix-Xitwa wara li nasal d-dar mill-iskola, lill-mamà tlesti xi ħaġa ħafifa x'nieklu u wara nagħmel ix-xogħol tiegħi ta' l-iskola, li dak iż-żmien ftit li xejn kien ikollna. Wara kont ngħin lill-mamà ta' tifla li kont. Meta jibda jersaq il-ħin għall-ikel ta' filgħaxija ħallini taparsi nipprepara l-mejda, il-furketta, is-sikkina, it-tazza, l-imgħarfa (dawn mhux tal-fidda, tafux, pero dejjem nodfa) ħalli x'ħin jasal l-papà mix-xogħol jarani nipprepara. Kont neħel bħal kalamita indur mal-mejda biex inkun ċerta li x'ħin jidħol jinduna li qegħda nobdi, u arah miskin idaħħal idejh fil-but u jtini xi sitt ħabbiet jew sold, wara li naqbeż u niddendel miegħu qisni xi xadina.
Wara li konna nieklu, kulħadd kien imidd idejh, anke ħuti s-subien li kienu jkunu hemm, biex niżbarazzaw. F'daqqa waħda tarana mmorru fuq is-sodda tal-ħadid, miskina sodda! Alla ħares kellha tinkiser għax min jaf dawk il-molol tagħha fejn kienu jtiru jew kienu jispiċċaw ġo fina!
Jien kont nintefa' fuq il-papà, mgħannqa miegħu qisni qarnita, biex jibda jirrakkonta l-istejjer li ġraw lilu ta' veru, daqqa tad-daħk, kultant li tibki, xi ċajta li kien iħobb jivvinta minn moħħu jew xi praspura li kien jagħmel u li bihom kien jinkwieta lin-nanna u n-nannu. Il-papà kien iħobb ħafna jaqra rumanzi bil-Malti allura kien idum ħafna ma jorqod. Il-gost tiegħi kien ukoll li l-mamà kienet tagħmillu termos kafè ħdejn is-sodda, u hu kien iqajjimna għall-kafè f'nofs ta' lejl u nbillu biskuttell. Dak iż-żmien il-biskuttelli kienu kbar u ġenwini, veru bit-togħma.
Insomma, meta l-papà kien jgħid xi storja, l-agħar li kien issemmi kienu stejjer fuq il-ħares li dak iż-żmien kien jgħidilna li kien jeżisti veru. X'waħda din, tistgħu timmaġinawni jien kif kont nitrekken miegħu u, li kieku stajt, kont nidħol min jaf, forsi ġol-qalziet tiegħu. Konna veru nieħdu gost, tal-ġabra, ma nafu xejn x'inhu jiġri, moħħ ir-riħ, fejn laqat laqat u fejn ħabat ħabat. Il-kelma hija innoċenti, mhux bħal dan iż-żmien li qegħdin issa.
Insomma, l-mamà wkoll kienet tgħid xi waħda ta' żmien il-gwerra. Kienet tgħid li kienet tkun fir-raba għax il-mamà kienet bint bidwi, li kienu joqogħdu f'razzett fuq ir-riħ tal-Ġnejna. Il-papà kien mill-Ħamrun. Kienet tgħid li meta kienet tisma' l-air raid, allura ġej l-għadu. Il-mamà però, kienet kurjuża u kienet toqgħod moħbija biex tara x'inhu ġej, u peress li kienu joqogħdu fuq ir-riħ tal-Ġnejna, minn hemm kienet tara l-ajruplani ġejjin. Tgħid li l-ajruplani kienu jiġu bbombardjati u tara l-piloti jaqbżu bil-paraxuts. Kienet wkoll titħassarhom u tmur iġġibilhom xi bott tal-landa bl-ilma biex jixorbu. Kienet tgħid wkoll li lin-nanna u lin-nannu kemm-il darba tathom xi kedda, wara li jgħajtulha u ma tweġibx, u erħilhom jiġru warajha biex jaqbduha u jdaħħluha ġewwa. Dan kien jiġri mhux biss mal-ġurnata, anke mal-lejl, kienet tirrakkonta l-mamà. Fil-fatt il-mamà kellha biċċa drapp ta' paraxut li kienet ħadet dak iż-żmien, u li issa tinsab għandi. Żammejtha bħala rikordju tal-mamà u fl-istess ħin rikordju ta' żmien il-gwerra li aħna lanqas biss nafu xi tfisser.
Kemm batew għalina jaħasra ommna u missierna. Kemm, però, konna napprezzaw dak kollu li kienu jagħmlu magħna. Konna nuruhom l-imħabba tagħna u nobdu tassew.
It-tfal ta' llum japprezzaw? Huma kuntenti bl-affarijiet li għandhom?
Għandhom minn kollox, sinjuri żgħar, għandhom affarijiet edukattivi, ma jonqoshom xejn, u qatt... qatt m'huma kuntenti. Dak iż-żmien tiegħi lanqas televiżjoni ma kellna. Nilagħbu anke b'ġebla żgħira. Kemm nixtieq, bis-serjetà kollha li dak iż-żmien ta' meta kont żgħira, jerġa' jiġi. Xejn xejn nerġa' nġib lill-ġenituri lura; però qatt mhu se jiġi. Li tlift lill-ġenituri żgur qatt ma ninsa kemm indum ħajja, nitlob għalihom u jien naf li qegħdin jisimgħuni u jitolbu għalija.
Napprezza ħafna kif irnexxielhom jagħtuna dejjem l-edukazzjoni. Rabbew tfal tajbin, batew għalina fil-faqar, però dejjem... dejjem konna kuntenti u magħqdin flimkien bħala familja waħda. U għal dan kollu ngħidilhom grazzi mamà, grazzi papà. |