Il-progress fid-dinja ta' llum mixi b'rata mgħaġġla mhux ħażin. Nibdew billi nsemmu l-passi ta' ġgant li saru fit-teknoloġija u fil-mezzi ta' komunikazzjoni. Jekk dari kont iddum ġimgħat jew saħansitra xhur biex tirċievi xi korrispondenza mingħand familjari jew ħbieb emigranti, illum il-ġurnata dan il-proċess jieħu biss ftit minuti biex iseħħ. Wieħed kemm jixgħel il-komputer u jibgħat e-mail li tasal fid-destinazzjoni li trid int fi ftit minuti, jew inkella taqbad il-mobile u tibgħat sms, li ġieli jasal saħansitra wara ftit sekondi li tkun bgħattu.
Pero ` dan il-progress mhux kullħadd iħares lejh bl-istess mod. Per eżempju fejn qabel kont tagħmel kuntatt dirett man-nies, illum, bil-mezzi ta' komunikazzjoni li hawn, lanqas għad hemm il-bżonn li wieħed jiltaqa' man-nies wiċċ imb'wiċċ biex twasslilhom il-messaġġ. Għalhekk naqas il-kuntatt dirett bejn in-nies.
Bl-istess mod ġie affettwat l-ambjent ta' madwarna. Irħula tradizzjonali ftit li xejn għad baqa', kullimkien bini modern, blokok ta' flats għoljin bil-kuntratturi jagħmlu mħatri biex jaraw min se joħroġlu l-permess biex itella' l-aktar sulari.
Fejn dari kont tara familji sħaħ, minn tfal sa nanniet, jaħdmu ġo l-egħlieqi, illum kullħadd għal rasu – min quddiem it-televixin, min quddiem kompjuter u min magħluq ġo xi dar ta' l-anzjani, bil-barranin iduru bih. M'għadx fadal il-ġabra u l-għaqda li kien hawn fl-antik!
|