Programmes > Malta Writing Programme > Parents' Writing Circle >

Parents' Writing Corner

F'POST GĦALL-KWIET

Mary Camilleri

Kienet ħafna sħana, it-tfal kienu ġew lura mill-iskola. Intfajt norqod u qomt wara xi sagħtejn. Ma kellix aptit immur il-ħanut għax-xogħol. Għidt, “Illum immur sa fejn ommi u missieri fl-għalqa. Noħodha franka. Għandi bżonn!”

Ċempilt lir-raġel li kien fil-ħanut u għedtlu, “Mhux ġejja ta!” Qalli, “X'inqalagħlek? Ma tiflaħx?” “Le”, għedtlu. “Ser immur sa fejn tagħna fir-raba'.” Ċempilt fuq il-mowbajl ta' missieri u weġbitni ommi. Staqsejtha fejn qegħdin u qaltli, “Naqtgħu l-frawli f'tal-Marlun”. Għax hekk konna insibuha dik l-għalqa. Għedt lit-tfal fejn ser inkun. Avżajthom li mhux ser nieħu l-mowbajl miegħi u tlaqt bil-mixi.

Ix-xemx kien għadha taħraq ħafna. Għaddejt minn sqaq mhux asfaltat. Kull pass li tmidd ittajjar it-trab. Kullimkien xott, kollox niexef. Dħalt ġo għalqa li kienet maħruta u qbadt il-mogħdija biex naqta' għad-dritt minn ġo xagħra. Malajr wasalt fl-għalqa ta' ommi u missieri. Kienu baxxuti jaqtgħu l-frawli misjura għal ġo kaxxetti bojod tal-plastik. Warajhom fil-passaġġ kellhom ringiela kaxxetti mimlija bil-frawli ħamra nar u tfuħ. Kif lemħitni ommi qaltli, “Hawn x'ġabek?” Għedtilha, “M'għandix aptit nibda x-xogħol illejla.” Tbaxxejt, għażilt żewġ frawliet misjurin, qtajthom u tfajthom f'ħalqi. Dik togħma! Tlabtha ftit kaxxetti vojta u bdejt naqta' l-frawli minn fejn kien imiss. Ma kienx jonqoshom wisq frawli x'jaqtgħu. Malajr lestejna. Qaltli: “Aħna sejrin id-dar, għal-lum għamilna biżżejjed. Ġejja sad-dar?” “Le, ta”, għedtilha. “Ħa noqgħod ftit hawn għall-kwiet u mbagħad immur lejn id-dar.”

Ħarist madwari u rajt ix-xagħra li kont għadni kif għaddejt minnha. Kien hemm ħarruba kbira fiha. Għedt, “Fejn il-ħarruba immur, għad-dell.” Imxejt għal fejnha, sibt roqgħa dell u mteddejt wiċċi l'isfel fuq roqgħa ħaxix niexef u dehbieni. Kull fejn tmiss ifaqqa' u jqarmeċ. Għall-ewwel il-ħuxlief beda jdejjaqni jniggeż imma mbagħad moħħi heda jitpaxxa b'affarijiet oħra u ma bdejtx nagħti każ il-ħakk u t-tingiż. Irrealizzajt kemm kien hemm kwiet. Ma tismax min jgħajjatlek “Ma”, jew “Mer”, ma jdoqqx it-telefon jew il-mowbajl, ma jħabbatx il-bieb ...

F'għalqa fil-viċin stajt nammira bidwi anzjan jaħdem bis-sistema l-antika. Kien qed jaħrat roqgħa żgħira bil-moħriet. Stajt narah miexi tlikki tlikki jżomm il-moħriet u l-ħmara miexja quddiem. Kien qed jiżra' ftit patata.

Wara qala' ftit basal u tewm. Kien jidher li kien jaħdem l-għalqa biex ikollu x'jiekol hu aktar milli biex ibigħ il-prodott li jkabbar. Il-bidwi kien liebes kappell tat-tibna, bil-falda kbira kollha mberfla, bil-qalziet tal-kakin imxammar flok xorts u qmis bajda bil-komma twila mxammra wkoll. Mal-ħajt kellu xkora bit- thermos u kisra ħobż. Kien qed jaħdem fil-paċi u fil-kwiet.

Waqt li kont mitlufa naħseb fuq il-kwiet li kien hemm ilmaħt nemlu daqs tikka għaddej iġorr żerriegħa tal-qamħ akbar minnu. Warajh nemlu ieħor, u ieħor. Malajr intbaħt li kont qrib ta' bejta tan-nemel. Tawwalt għonqi u rajt fejn kienu sejrin. Kos, għidt, daqsxejn ta' nemlu u b'moħħ hekk kbir. Kapaċi jagħmel dar, jew belt, ma nafx. Kapaċi jqassam ix-xogħol ma' ħaddieħor. Kulħadd għaddej fuq xogħlu, fl-istess triq, għalkemm bla triq u bla mappa. Min ġej u min sejjer. Xtaqt li kelli tromba żgħira ħalli nara x'inhu għaddej fil-bejta tagħhom. “Min jaf il-mini hux iwasslu sa taħti?”, għidt. “Min jaf kemm dwied u nsetti hemm fir-roqgħa fejn kont jien.” Smajt il-ħoss tal-ħuxlief jiċċaqlaq. Ħarist u rajt xaħmet l-art griż oħxon iħaffef għal ġol-ħajt tas-sejjieħ. Mal-ħajt kien hemm bejta vojta taż-żunżan. Moħħi mall-ewwel mar fil-lejla meta kien għad kelli xi seba' snin, meta jien u ħuti rajna bejta taż-żunżan, qbadna qasba u ċaqlaqniha. Iż-żunżan irvilla u dar għalina, għajni tax-xellug intefħet u ingħalqet. Domt ġimgħa biha hekk. Ma rġajtx messejt żunżana oħra.

F'daqqa waħda ħassejt xi ħaġa tielgħa ma' saqajja. Qomt malajr u farfartha. Kienet speċi ta' ħanfusa sewda. Min jaf fejn ħasbet li kienet sejra! Kif kont bil-wieqfa ħarsti waqfet fuq werżieq li kien hemm imqabbad sew mal-quċċata ta' bużbieża niexfa. Ġwenħajh trasparenti. Għedt, “Dan id-daqsxejn ta' insett, pulzier u nofs kollox, x'garġi jista' għandu?” Kont nisimgħu fl-eqqel tas-sajf iwerżaq u ma jiqafx qabel xi ħadd javviċinah u jtellfu.

Erġajt imteddejt. Din id-darba wiċċi ‘l fuq. Is-sema kien ċar kaħlani. L-ebda sħaba. Fis-sema x-xemx biss kien hemm, qisha ballun tan-nar isfar. Imma iktar qrib lejn l-art stajt nara n-nemus irqiq idur qrib il-ħarruba u farfett żgħir vjola qed itir fil-baxx, iħuf l'hawn u l'hinn bla ma jieqaf imkien. Bqajt inħarislu sakemm bil-mod il-mod għeb wara borġ ġebel ħdejn għollieqa kbira. Bdejt nisma' l-għanja t'għasfur fil-viċin. Ma kontx qed narah, ma nafx x'kuluri kellu, iżda żgur li kien jaf jgħanni. Kemm kien ilni ma nisma' għasfur jgħanni!

Xtaqt li dan il-ftit ħin, hekk għal kwiet, ma jispiċċa qatt. Iżda meta ħarist lejn l-arloġġ kelli bħal ħmar inqum u mmur lura lejn id-dar. B'nostalġija!

 

 
For more information contact the Malta Writing Programme at FES on
tel: (00356) 21455600, 21455607, 21455653 fax: 00356 21455625
e-mail: mwp.fes@gov.mt