Ta' spiss immur mawra sal-Buskett biex noqgħod ftit għall-kwiet u ninqata' mir-rutina tas-soltu. Waqt li nkun hemmhekk nintefa' taħt xi siġra għad-dell u noqgħod fis-skiet u l-ħemda, b'xi ktieb f'idi biex nirrilassa ftit mit-tensjoni tal-ħajja mgħaġġla ta' llum. Noqgħod ukoll nammira s-sbuħija tas-siġar twal twal, xi wħud bil-larinġ ħelu mdendel magħhom. Nara wkoll kull tip u lewn ta' fjuri u ma jonqosx ukoll li f'dak is-skiet taqtgħu b'sikkina nisma' l-ħasafar ipespsu fis-siġar qishom qed jitkellmu flimkien! Meta tkun xi ftit taż-żiffa nisma' l-weraq tas-siġar iħaxwxu u x'ħin immur passiġġata qalb il-mogħdijiet li hemm hemmhekk nara xi żrinġijiet f'xi għadajjar mxerrda 'l hemm u 'l hawn.
Dan il-post ifakkarni fi tfuliti meta l-ġenituri tiegħi kienu jeħduna hemm għal xi piknik. Kemm konna nilagħbu jien u ħija u kemm tlajna u ddendilna maz-zkuk tas-siġar waqt li l-mama' u l-papa' jwiddbuna li ser naqgħu u nweġġgħu.
Iż-żmien igerbeb mhux ftit u llum jien qed nagħmel l-istess mat-tfal tiegħi. Waqt li jkunu qed jiġru wara xulxin, ikissru dik il-ħemda li jkun hemm f'dan il-post bl-għajat u d-daħk innoċenti taghhom .Hemmhekk niftakar kemm it-tfulija hi ħaġa prezzjuża u żmien meraviljuż li ma jerġax jiġi!!
|