Ftakart kemm imxejna fix-xemx biex nilħqu l-bajja sabiħa, mwarrba, mhix magħrufa u lanqas popolari iżda pittoreska ta' Fomm ir-Riħ. Kont imfarfra u ommi kienet tħallina lili u l-ħuti l-bniet immorru l-baħar mal-ġirien li kienu akbar minna u kienet tafdana magħhom. Ħa ngħiduha ... hi qatt maħabbitu l-baħar u ma tantx kienet tersaq lejh iżda lilna ma ċaħħditniex minnu.
Mis-Santi konna nerħulha għal Fomm ir-Riħ f'xemx taqli l-gremxul u konna nitbasktu sakemm naslu. Protezzjoni kontra x-xemx ftit li xejn konna nagħmlu għax ma konniex konxji tal-ħsara li tista' twettaq. Mhux l-ewwel darba li konna naslu l-bajja għarqana xraba u Alla ħares ma jkunx dak il-baħar frisk, ċar kristall biex jiffriskana ftit. Il-fwieħa tiegħu kienet tinxtamm sewwa minn metri ‘l bogħod. Inti u tinżel in-niżla wieqfa tal-bajja kont tilmaħil-baħar leqqieni u x-xemx tirrifletti ġo fih, xena sabiħa ħafna, flimkien maċ-ċagħaq irqiq li jirrifletti fl-ilma mielaħ u nadif tazza.
U xi ngħidu għal l-irdum tar-Raħeb u x-xeni pittoreski li jagħmlu lil Fomm ir-Riħpost uniku? Nies ftit li xejn kont tara għajr xi dgħajjes jgħaddu ftit 'il bogħod jew xi jott jieqaf għal xiħin f'nofs il-bajja. Kien magħruf għall-imħar, ir-rizzi u l-qarnit. Illum qajla nersaq ‘l hemmħlief nara l-bajja minn fuq, wara xi mixja li mill-Imġarr ta' Ġewwa teħodna għal Fomm ir-Riħ. Donna ma konniex nibżgħu minn dak il-baħar miftuħli meta jitqawwa kien jaf ikun ż aqqu ratba imma rasu iebsa! Iżda n-nostalġija hija qawwija u niftakarħafna esperjenzi sbieħli għexna f'dan il-post f'xenarju mill-aqwa.
|