Kemm kemm niftakar għax għaddew ħafna snin mhux ħażin. Fil-fatt tlabt lil missieri jfakkarni ftit u t-tfal tiegħi ntefgħu jisimgħu b'attenzjoni kbira.
Kelli xi ħames snin u oħti ta' warajja kellha xi sena u nofs. Ommi u missieri minn dejjem kienu bl-għelieqi u biex inħalluhom jagħmlu xi ħaġa kienu jħalluna man-nannu Ġużepp, missier missieri. Lin-nannu niftakru sew, raġel qsajjar, wiċċu ruxxan, dejjem bil-beritta f'rasu li kien jinżag ħ ha biss x'ħin jorqod, qalziet imxammar, sidrija sewda u qmis bajda tal-flanella. F'saqajh qorq miftu ħ imma aktarx ħafi kont narah. Kellu jumejn mhux ħażin u naħseb li jien u oħti konna nżommulu kumpanija għax kien jgħix waħdu wara li mietet in-nanna Tereż. Memorji tad-dar tan-nannu baqagħli mhux ħażin. Kienet qrib it-tempju ta' Ħaġrat. Niftakar ir-remissa dejjem bil-bieb imbexxaq, l-intrata qasira, il-kamra ta' barra bl-għamara antika, il-kamra ċ-ċkejkna li kienet isservi ta' kċina, il-loġġa li kienet tiġi għal ġol-bitħa li f'nofsha kien hemm il-ħerża tal-bir. Imbagħad mill-ġenb tal-bitħa jitla' t-taraġ għal-loġġa ta' fuq, l-għorof, is-setaħ u l-ġardina li kienet kbira ġmielha. Niftakar lin-nannu bil-qiegħda fuq il-bankina għad-dell ta' wara nofs in-nhar jgħid xi kelmtejn ma' Pawlu ta' l-Armi u aħna niġru fuq il-bankina għal ta' Ħaġrat. Naħseb li t-turisti li kienu jiġu jżuru t-tempju kienu jiggustawna għax mhux darba u tnejn li ħadulna xi ritratt. Qed niftakar kelli wieħed kont qisni tifel b'xagħri lixx maqtugħ qasir. Xi mument ngħid lil ommi forsi ssibu dak ir-ritratt! Meta lin-nannu konna nxebbgħuh kien jgħidilna li se mmorru sax-xagħra. Dik oħti minn dejjem kienet imqarqċa sew u biex ma taħrablux minn taħt għajnejh, kien jaqbad xkora tal-faxx, ipoġġiha bil-wieqfa fiha, imbagħad jerfagħha wara dahru u hi żżomm ma' spallejh. Kien iġib l-imgħażqa wkoll, jagħlaq ir-remissa, jaqbadli idi u nimxu bil-mod fuq il-bankina lejn in-naħa ta' l-iskola. Nibqgħu telgħin ‘il fuq, ngħaddu minn quddiem iz-zija Ċetta, Alla jagħtiha il-ġenna u naqbdu l-mogħdija minn qalb l-għelieqi għal ġol-blat tax-xagħra tar-Ragħad. Kemm kien ikun hemm għadajjar żgħar għadhom mimlija b'ilma nadif qalb dak il-blat bajdani u sagħtar ifu ħ fix-xemx sabiħa ta' xi ġurnata xitwija! In-nannu kien iħallina hemm fuq xi roqgħa blat lixx u hu jehda jonqox il-ħamrija ħamranija. Kemm konna nieħdu gost nitfgħu l-ġebel ġo l-ilma jew niġbru l-bebbux! Inkella naqtgħu l-fjuri sofor ta' l-Ingliża jew niġbru l-bċejjeċ tal-fuħħar imkisser. Jekk kien ikun is-sajf konna noqogħdu għad-dell taħt xi ħarruba kbira filwaqt li n-nannu jaqta' l-ħarrub. X'nostalġija! Xi żmien kien!
U llum in-nannu telaq u miegħu telqet ukoll xi ħamrija li n-nannu kellu ġo l-għelieqi f'tar-Ragħad. Waħda minn dawn l-għelieqi niftakarha sew u żgur li tibqa' f'moħħi. Kienet ftit tawwalija b'ħajt tas-sejjieħ għaddej minn nofsha, x'imkien ġo fiha kien hemm girna. Illum parti minn l-għalqa hija triq ħabrieka ġewwa r-raħal. Minflok il-girna tas-sejjieħ inbniet oħra, wisq moderna aktar minnha. Hawn hi dari illum flok dik l-għalqa tal-girna. Flimkien ma' żewġi u wliedi nixtieq li nibqa' ngawdiha sakemm nista'. Dan kollu grazzi għan-nannu Ġużepp u għal missieri li għoġbu jgħaddhieli.
|