Ftakart li ommi, għalkemm koka tajba u magħrufa għat-torti tal-ġbejniet u l-ful aħdar, għall-qassata tal-qargħa aħmar, għal kull tip ta' dixx il-forn bil-laħam u l-patata, fost il-ġimgħa kull filgħaxija kienet u għadha ssajjar minestra. Ilha tagħmel hekk għal dawn l-aħħar ħamsin sena għax daqshekk ilhom miżżewġin.
Id-dixxijiet tal-forn kienu jissajru s-Sibt u l-Ħadd. Niftakar li wara li kont niġi mill-iskola u nieħu xi ftit kafe' bil-qagħaq tal-ġ unġlien u l-ħlewwa, kont nibda nqatta' l-ħaxix għall-borma. Ninżel ġirja t-taraġ, naqla' ġidra minn biċċa għalqa quddiem id-dar u naqta' ftit karfus frisk. Il-bqija l-patata, basal u ħaxix kont insibhom fil-kċina. Inqalli l-basla u l-ewwel insajjar il-favetta, l-għazz u l-ful niexef meta ma jkunx hawn frisk. Wara nitfa' kull tip ta' ħaxix ta' l-istaġun u magħhom felli qargħa aħmar. Meta ssir il-ħaxixa nitfa' ftit għaġin u kien iservi għalina lkoll li konna niltaqgħu xi disgħa b'kollox. Ħadd ma kien igerger li m'għoġbitux. Jien ngħid għalija kienet tinżilli għasel u magħha dejjem kont niekol xi kisra ħobż tal-Malti biż-żejt u t-tadam, bil-melħu bil-bżar.
Illum għalkemm insajjarha xi darba fil-ġimgħa, qatt ma tiġini tajba daqskemm kienet qabel. Min jaf għaliex?
|