Kont fit-tieqa tal-kċina, Fomm ir-Riħ, ftit ġranet ilu; waħdi, jien u s-sikta. Hemmhekk f'dak il-ħin stajt nara ċar quddiemi l-istorja ta' ħajti, saqajja sserraħ fuq siġġu miżbugħ isfar u b'minkbejja fuq ħoġor it-tieqa fejn serbut nemel, fis-skiet, kien qed iġorr, bieżel, jaħdem il-bejta tiegħu. Hekk kien jagħmel missieri wkoll. Ħdejn rasi l-gaġġa vojta, u mdendlin mal-ħajt sett mgħaref ta' l-injam li bihom ommi kienet tħawwad dik il-borma minestra tfuħ b'ħaxix frisk imħawwel jew miżrugħ minn idejn il-papà.
L-għejjun ta' taħt it-tieqa l-oħra għadhom bil-ħut li llum kibru u stajt nara ħafna ħut żgħir. Hemmhekk stajt nerġa' ntiegħem il-ħobż bil-kappar u ż-żebbuġ, biċċa ħabqa u basla u stajt nerġa' narani bil-ktieb f'idejja u nħoss is-saqqu taħti. Is-sardinell m'għadux sabiħ bħal qabel meta kont nieħu l-iskola għax m'għadux ikun imsoqqi u ndukrat.
Il-ħoss tal-moħriet, li qata' s-sikta għal ftit, fakkarni f'meta konna mmorru l-għalqa mal-papà. Il-forn kien għadu hemm ukoll, stajt nerġa' nxomm ir-riħa tal-ħruq; stajt nerġa' nara l-mummy tibki u tgħidli “X'biċċa ġralna!” Imxejt fl-unika kamra li ħuti kienu jorqdu gozz fiha, disgħa. Il-gradenza li wkoll kienet miżbugħa safra b'żewġt irjus kbar ta' l-iljuni fil-ġenb, bl-irħama bajda fil-wiċċ, kienet hemm ukoll. Fiha hemm xi ħwejjeġ li kienu jilbsu ħuti fl-għalqa. Maġenb il-gradenza il-gwardarobba. Ma fiha xejn imma s-suit li kienet ħititli oħti Luċija għall-iskola stajt naraha ċara, blu checked bl-abjad, b'bokkla kbira blu, u buttuni blu skuri wkoll b'żewġ toqbiet u b'but fuq kull naħa . Il-memorji ta' l-iskola tfaċċaw kollha hekk kif ħarist lejn is-sodda.
Stajt nisma' lili nnifsi nibki u stajt nerġa' nħoss il-ħadid tas-sodda taħt idejja. Issa ż-żebgħa kienet tqaxxret. Stajt nisma' l-vann ġej għalija u issa xaba' jistenna u telaq. Stajt nerġa' nara lil Brian dieħel l-ewwel darba d-dar tagħna u nilmaħ lil ommi tħares lejh b'għajnejn miftuħa beraħ u espressivi, li jridu jgħidu ħafna. Ma kinitx l-ewwel darba li kont nismagħhom jitkellmu fuqu, lilha u l-papà, bil-mod biex ma nismagħhomx jien. Min jaf x'kienet tkun qed tgħidlu? Forsi li hu raġel sabiħ u mibni!!! Hemmhekk ftakart meta ħija kien jorbot xi wirdiena b'xi ħajta u joqgħod jiġri warajja biha. Konna naqbżu mit-tieqa tal-kċina għal ġol-ġardina.
Il-gallinari tal-ħamiem, tas-sriedaq u t-tiġieġ kienu vojta u anke il-griebeċ tal-fniek kienu battala. Ftakart meta kont nagħmel xi kuntrarju. Ftakart f'ommi meta kienet tgħidli, “Qisek tiġieġa. Binti, ġo dak il-gallinar postok!” Tlaqt minn ġol-ġardina u mxejt mill-passaġġ imħarbat mimli ħaxix ħażin u wasalt fil-kamra fejn il-papa kien jagħsar l-inbid. Brimba nisġet l-għanqbuta tagħha minn tramunġata għal oħra. Iż-żunżan ukoll xamm ir-riħa tfuħ ta' l-għasir ta' l-għeneb iswed.
Bqajt miexja għal Fomm ir-Riħ, il-bajja eċċezzjonali, bl-ilma blu skur, bil-mewġ kalm, jitbewwes mal-blat aħrax u iswed. Erġajt ħassejt is-swaba' tal-qarnita jaqbdu miegħi u bla ma ridt werżaqt. Poġġejt bil-qiegħda fuq xifer l-irdum u hemm komplejt naħseb fuq ħajti s'issa. Ħajja sempliċi imma favoluża. U staqsejt lili nnifsi fil-waqt li kont qed nosserva l-arbli tad-dawl bil-bejtiet ta' l-għasafar tal-bejt: “L-ambjent li trabbejt fih, kellu x'jaqsam ma' kif jien illum?” Qegħdin għaxra, kulħadd bil-familja tiegħu. Ħadd minna ma resaq lejn droga jew għamel xi żball oħxon fi tfulitu. Għax rabbewna l-ġenituri hekk tajjeb? Jew għax hekk kellu jkun? Ġibt quddiem għajnejja l-unika tifla tiegħi Rachel. Jien fejn nista' qed intiha l-aħjar bħal kull ġenitur.
1. Se taqa' fin-nassa tad-droga?
2. Se tiżbalja u titwikka bl-iżball ħajjitha kollha?
3. Se tasal biex tabortixxi it-tarbija li forsi ma tkunx fi żmienha?
4. Se tispiċċa ma' xi raġel miżżewweġ u tkisser familja?
5. U jekk ma jkun xejn minn dan u jkollha familja, se tkun kapaċi tieħu ħsiebha?
6. Se tkun tifla b'saħħitha u eżemplari?
7. Se ssib min iħobbha u jirrispettaha ħajjitha kollha? U se tkun taf trodd lura l-ħsara li tirċievi b'ġid?
8. Se tibqa' tħobb ‘l Alla u lill-proxxmu kif għallmuna dejjem?
Għandha kollox u iżjed minn biżżejjed. Jien ma kelli xejn ħdejha, dejjem ħlomt biex ikolli stereo iżda mingħajru bqajt. Però kont kuntenta u ferħana. Meta ħuti kienu jmorru l-Belt u jixtruli xi ħaġa, li x'aktarx kienet tkun xi sapun likwidu forma ta' pupu tal-plastik, kont inkun fis-seba' sema u nħoss li ma rridx nużah għax jispiċċali. U hi? Kultant tgħidli, “Ma, x'se nagħmel? Biex se nilgħab?” U jien ngħidilha, “Tridx immorru Fomm ir-Riħ, taħt il-ħarruba fejn aħna kellna mutur tagħna li kien iz-zokk tal-ħarruba b'xi erba' tappijiet imwaħħlin b'xi musmar taparsi ħorn?” U hi taqbad tidħak u tgħidli, “Le, jien se nilgħab bil-play station”. Żmien u żmien!!!
Kuljum nitlob ‘l Alla biex iseddaq lill-familja tiegħi u jbiegħed lit-tifla mill-mewġ kiefer taż-żminijiet, mewġ bil-wisq differenti mill-mewġ tal-baħar kalm ta' Fomm ir-Riħ; biex ikollha ħajja trankwilla, fil-paċi u s-skiet, eżatt bħal dik ta' Fomm ir-Riħ. U wara kollox nitlob ftit għalija u ngħidlu grazzi tal-ħajja tiegħi u ngħidlu biex jikkalmani ftit, u ma nħarbatx lil kull min imiss miegħi, almenu hekk jgħidli r-raġel. Però naħseb li qata' qalbu li jista' jgħinni għax xbajt nitolbu u kultant nistħajlu jgħidli “Issa iskot ta, għax ħadtli rasi”.
Qabel nagħlaq nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li kellhom x'jaqsmu b'xi mod ma' dan il-kors u nħeġġiġkom biex tkomplu tagħmlu korsijiet iżjed bħal dawn. U fl-aħħar u mhux l-anqas grazzi lilkom li smajtuni naqra biċċa mill-istorja ta' ħajti. Forsi jekk jerġa' jkollna opportunita oħra, inkun nista' naqsam magħkom biċċa oħra minn ħajti. Żgur li mhux se jgħajjatli issa t'hemm fuq għax diġà għandu ħafna problemi bil-prezz taż-żejt u ċ-ċereali.
|