Programmes > Malta Writing Programme > Parents' Writing Circle >

Parents' Writing Corner

Tfuliti

Rita Sammut

Missieri għandu xi biċċtejn raba' ‘l hemm u ‘l hawn u, wara l-ġurnata tax-xogħol, l-hena tiegħu kienet li jmur f' xi għalqa jagħmel xi ħaġa. Kien iħobb ikabbar tadam, piżelli u ful, qarabagħli, patata u anke xi ftit bettieħ. Xi ftit għelieqi kienu dwieli u b'hekk ma kienx jonqos li jagħsar xi ftit għeneb biex għal dik is-sena jkollu qatra inbid ma' l-ikel. Għalkemm missieri kien bidwi dilettant u kien jaħdem ir-raba' bħala delizzju, il-prodotti li jkabbar kienu jkunu biżżejjed biex il-familja tgħix bihom u għalhekk ftit konna nixtru ħaxix.

Ommi spiss kienet tmur tgħinu … jew biex jiżirgħu l-patata jew biex jgħaddu d-dwieli jew biex jaqtgħu t-tadam. Niftakarhom jilbsu l-papoċċ tar-raba', kollu ħamrija u b'kappell jew beritta f'rashom biex jilqgħu mill-qilla tax-xemx.

Jien ġieli messni li mmur ngħinhom speċjalment is-Sibt filgħodu. Kont ingerger koċċ xħin jiġu jqajmuni kmieni għaliex is-Sibt kont nippreferi nibqa' nixxaħxaħ naqra iktar fis-sodda. Kont ukoll indum ma nistartja meta naslu fl-għalqa però ma kontx niddejjaq. Kemm kienet togħġobni r-riħa tfuħ tal-ħamrija qiegħda tiġi maħruta u tal-ħaxix maqtugħ frisk. Li xejn ma kien jogħġobni kien dak in-nemus irqiq u fitt idur mal-fażola! Tgħidx kemm kont nibża' li xi waħda tibqa' dieħla f'widnejja jew f'imnieħri!

F'dak il-ftuħ malajr tiftaħ l-aptit! Għalhekk ommi kienet dejjem tlesti termos bit-te u biċċtejn ħobż bit-tadam u l-basal. Kienet tpoġġi kollox ġo bixkilla soda u tgħatti kollox b'sarvetta. Wara xi sagħtejn li nkunu ilna fl-għalqa, missieri kien iwaqqaf il-mutur jew iserraħ iz-zappuna mal-ħajt u konna npoġġu bil-qiegħda fuq xi ġebla u nitrejqu ftit. Widnejja kienu jistrieħu f'dak il-kwiet wara dak l-istorbju li kien jagħmel il-mutur! Iżda jekk fil-għodu ma kinitx faċli għalija biex inqum mis-sodda, wara dan il-brejk lanqas ma kienet tkun faċli biex nerġa' nqum u nkompli!

L-hena tiegħi meta kont immur ma' missieri l-pitkalija. Arani mmur inġib wieħed mill-karrijiet li għandhom fil-pitkalija biex missieri jgħabbi l-kaxxi fuqu. Kont nibqa' nħares lejn dawk il-kaxxi ħodor tal-plastik kollha mimlija prodotti differenti li nġiebu minn bdiewa oħra. Kaxxa fuq l-oħra jew waħda ħdejn l-oħra, bil-ħaxix ippustjat pulit u jleqq għax għadu kif ġie maħsul. Niftakarni nħares minn kaxxa għall-oħra u nara l-kuluri differenti fejn xulxin: l-aħmar jgħajjat tat-tadam, il-vjola tal-brunġiel, l-aħdar tal-piżelli … kien ikun qishom tapit ippeċċjat kull kulur.

Illum il-ġurnata għaddew snin mhux ħażin minn dan iż-żmien. Missieri m'għadux jaħdem ir-raba' u jien illum immur ġo ħanut biex nixtri l-ħaxix. Però dawn it-tifkiriet ta' tfuliti jerġgħu jiġu kull meta nara l-kaxxi ħodor tal-pitkalija.

 

 

 
For more information contact the Malta Writing Programme at FES on
tel: (00356) 21455600, 21455607, 21455653 fax: 00356 21455625
e-mail: mwp.fes@gov.mt