Programmes > Malta Writing Programme > Parents' Writing Circle >

Parents' Writing Corner

Rigal li ma ninsa qatt

Carmen Vassallo

Kont se nagħlaq seba' snin, eżatt ġurnata qabel. Dak iż-żmien ma tantx konna naqilgħu rigali pero' f'għeluq sninna ommi dejjem kienet tixtrilna xi ħaġa żgħira.

Niftakar kien fil-għaxija, kien sar l-ħin biex immorru norqdu, għajnejja bdew jitbexxqu bin-nagħas u, ta' tfal li konna, tajna bewsa lill-mamà u lill- papà u tlajna norqdu. Kont norqod m'oħti fl-istess kamra. Oħti raqdet mill-ewwel però jien ...

Jien bqajt naħseb fuq l-għada. Minnufih qabadni l-għatx u nżilt biex nixrob ftit ilma. Jien u nieżla t-taraġ, smajt lil ommi u l-missieri jitkellmu bil-mod u malajr ġietni l-kurżita' biex inkun naf x'inhuma jgħidu. Inżilt fuq ponot subgħajja ħalli ma jismgħunix. Poġġejt bil-qiegħda fit-taraġ nissemma' u smajt lil ommi tgħid lil missieri, “Xtrajnihielha ta, min jaf kemm se togħġobha, issa intuhielha x'ħin tqum!” Jien bdejt naħseb u ngħid, “Dawk għalija qed jgħidu.”

Erġajt tlajt lura fis-sodda nkiss nkiss ħalli ma jindunawx li smajthom, anke l-ilma nsejt! X'ħin dħalt fis-sodda n-nagħas kollu tarli u ma stajtx nagħlaq għajn m'għajn! Naħseb u naħseb x'setgħu xtrawli. Tgħid xi libsa, tgħid xi pupa jew forsi xi żarbun sabiħ? Min jaf x'seta' kien! Elf ħsieb għadda minn moħħi u ma stajt norqod b'xejn. Iżda wara ħafna ħsibijiet, għajnejja marru bija u rqadt.

Kienu xis-sitta ta' filgħodu x'ħin qomt, kien għadu id-dlam. Bdejt nistenna 'l ommi u 'l missieri jqumu għax ma flaħtx nissapporti aktar bil-kurżita'. Kont ferħana għax kelli l-birthday. Lil oħti bdejt nagħmel minn kollox biex inqajjimha ħalli tifraħ miegħi. Bdejt inċekċek u nixgħel id-dawl. Miskina, mingħajr ma riedet kellha tqum. “H A A A P Y B I R T H D A A A Y” qaltli nofsha rieqda u għannqitni magħha.

Issa bdejt nagħmel minn kollox biex nipprova nqajjem 'l ommi u 'l missieri wkoll. Kelli seba' mitt sena biex niftaħ dak l-imbierek rigal li kien għadni nhewden x'seta' kien. Iżda ma tantx għadda ħin li ma smajtx 'l ommi tkanta, “Happy Birthday to you………” u ġiet tgħannaqni. F'idejha kellha kaxxa mgeżwra sabiħ b'ċoff fuqha, niftakar iċ-ċoff kien aħmar kulur id-demm. Bl-eċitament li kelli ma flaħtx niftaħ il-kaxxa.

Bdejt inħoll iċ-ċoff bil-mod il-mod. Qalbi bdiet tħabbat sitta sitta bil-ferħ li kelli. Ommi, missieri u oħti bdew iħarsu lejja jaraw x'kont se nagħmel x'ħin niftaħ dak ir-rigal. Wasal il-mument, bdejt inbexxaq l-għatu tal-kaxxa u ftaħtha………

Ma stajtx nemmen lil għajnejja x'ħin minn ġol-kaxxa ħriġt pupa mill-isbaħ li dejjem xtaqt!! Kellha libsa tas-satin aħmar, xagħarha kollu nokkli suwed, għajnejha ċelesti kulur is-sema, żewġ wardiet ħomor daqs il-peprin u xufftejn puliti żgħar. Il-ħarsa ta' wiċċha kien iġegħlek tgħannaqha miegħek u fil-fatt hekk għamilt. Bdejt nibża' kif inżommha għax żgur ma ridtx li tinkisirli.

Għannaqt ukoll 'il ommi u 'l missieri biex nirringrazzjahom tar-rigal sabiħ li xtrawli. Kienet l-ewwel pupa li qlajt, niftakar kont semmejtha Loretta għax hekk kien hemm miktub fuq il-kaxxa. Kienet qisha l-ħabiba tiegħi għax dejjem neħodha kull fejn immur, anke kont nitkellem magħha. Din il-pupa kienet wieħed mill-isbaħ rigali li ma ninsa qatt!!!!!!

 

 

 
For more information contact the Malta Writing Programme at FES on
tel: (00356) 21455600, 21455607, 21455653 fax: 00356 21455625
e-mail: mwp.fes@gov.mt